Welcome to


St. Augustine College Official Website

Primary
Section

Latest News:
 

JUM IL-FUNDATUR

L-24 t’April taħbat il-festa tal-konverżjoni ta’ Santu Wistin u ma jistax jonqos li tiġi ċċelebrata din il-festa fl-iskola tagħna. It-tfal tar-raba’ sena ħadu sehem f’quddiesa mmexxija minn Fr. Deo. Wara l-istudenti kollha ingħataw yoghurt u ħadu sehem f’diversi attivitajiet organizzati apposta għalihom. Kellhom crafts relatati ma’ dan il-qaddis u t-tfal ħadu sehem f’ħafna logħob li kien organizzat lilhom mill-għalliema tal-klassi. Kienet ġurnata memorabli għal kulħadd!

 

JUM L-INAWGURAZZJONI

Il-Ġimgħa 20 t’April kienet ġurnata speċjali għall-istaff u l-istudenti li jattendu l-iskola tas-Seminarju peress li kien Jum l-Inawgurazzjoni tal-istess skola. L-Arċisqof Pawlu Cremona bierek l-iskola l-ġdida tal-primarja. Il-ġenituri tat-tfal ta’ Santu Wistin kienu mistiedna għal din l-okkażjoni. Dawn kellhom iċ-ċans jidħlu fil-klassijiet tat-tfal tagħhom u flimkien magħhom ħadu sehem f’diversi attivitajiet. Wara kulħadd kien mistieden għal riċeviment fil-grawnds tas-Seminarju.

 

ATTIVITAJIET ORGANIZZATI MILL-P.T.A.

Nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu u nhar is-Sibt 28 ta’ April ġew organizzati żewġ attivitajiet għall-ġenituri, familjari u l-istudenti tar-raba’ sena. Matul din l-attivita’ t-tfal kantaw u żifnu u wara kulħadd kiel xi ħaġa tajba flimkien. Xi logħba tombla ma naqsitx ukoll! Kien mument sabiħ fejn kulħadd kellu ċans jitkellem flimkien. Dawn l-attivitajiet ġew organizzati mill-P.T.A. tal-iskola.

 

IL-KURA PASTORALI TAL-ISTUDENTI

Darba f’xahar u anke f’okkażjonijiet speċjali tiġi organizzata quddiesa għat-tfal tar-raba’ sena, bis-sehem tagħhom stess. Xi tfal minn kull klassi jieħdu ħsieb il-qari tal-quddiesa, oħrajn ikunu abbatini, oħrajn itellgħu l-offerti u oħrajn jgħinu fil-kant.

F’Ras ir-Randan, li din is-sena ħabat nhar l-Erbgħa 22 ta’ Frar, ġie organizzat Att Penitenzjali għat-tfal kollha, filwaqt li t-Tnejn 26 u t-Tlieta 27 ta’ Marzu ġiet organizzata rappreżentazzjoni tal-Aħħar Ċena lit-tfal kollha. Waqt din l-attivita’, it-tfal ġew murija DVD relatat mal-aħħar ikla li għamel Ġesu, sar il-ħasil tal-idejn u wara kielu u xorbu bħalma għamlu l-appostli fl-aħħar ċena. Kien mod tajjeb ħafna biex it-tfal ippreparaw ruħhom għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u tal-Għid il-Kbir.

Ġew organizzati wkoll l-Eżerċizzi Spiritwali għat-tfal tal-ewwel u tar-raba’ sena. Dawn saru nhar il-5 u t-12 ta’ Marzu rispettivament.

 

ATTIVITAJIET RELATATI MAL-KARNIVAL

Bla dubju ta’ xejn, il-Karnival hu wieħed mill-isbaħ żminijiet għal ħafna tfal, u l-iskola tagħna wkoll ħadet ħsieb li dan jiġi mfakkar. Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Frar, ġie organizzat party f’kull klassi għat-tfal kollha fl-iskola tas-Seminarju, fir-Rabat. Kemm it-tfal, kif ukoll l-għalliema libsu diversi kostumi differenti. Waqt il-party kulħadd kiel, żifen u lagħab diversi logħob organizzati mill-għalliema stess. It-tfal tar-raba’ sena sajru u kielu l-hotdogs.

 

ATTIVITAJIET RELATATI MAL-MILIED

Nhar it-12 u l-14 ta’ Diċembru ġew organizzati l-concerts tal-Milied bis-sehem tat-tfal tal-ewwel u tar-raba’ sena rispettivament. Dawn saru fis-sala tal-iskola Primarja tas-Seminarju u għalihom kienu mistednin il-ġenituri tat-tfal. L-istudenti flimkien mal-għalliema tal-mużika u tad-drama kienu ilhom jippreparaw għal dan l-avveniment sabiħ għal ġimgħat sħaħ u kulħadd kellu ċans japprezza t-talenti sbieħ ta’ dawn l-istudenti. Dawn ittelgħu bis-sehem tat-tfal kollha......min ippreżenta, min kanta, min irreċta u min daqq xi strument. Kienu mumenti memorabbli fejn filwaqt li rajna t-talenti diversi tat-tfal, kellna ċans niltaqgħu lkoll flimkien....għalliema, ġenituri u tfal.

Nhar it-Tlieta 20 ta’ Diċembru kienet l-aħħar ġurnata tal-ewwel term. Dakinhar ġiet organizzata Purċissjoni b’Ġesu’ Bambin mal-kurituri tal-iskola tas-Seminarju bis-sehem tat-tfal stess. Uħud mit-tfal tar-raba’ sena ġarrew lil Ġesu’ Bambin fuq spallithom, oħrajn ġarrew fanali jew xemgħat u oħrajn taw is-sehem tagħhom permezz tal-kant. Wara, it-tfal kollha marru fil-klassijiet tagħhom fejn kellhom party organizzat mill-għalliema u l-L.S.As tal-klassi. Ma naqasx li ġie jżurhom ukoll Father Christmas.

 

ĦARĠIET EDUKATTIVI

Mill-bidu tas-sena ‘l hawn ġew organizzati diversi ħarġiet edukattivi għall-istudenti. Nhar il-25 ta’ Novembru, it-tfal tar-raba’ sena, flimkien mal-għalliema u l-L.S.As tagħhom żaru l-Katakombi ta’ Sant Agata ġewwa r-Rabat, filwaqt li nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru, it-tfal tal-ewwel sena marru r-Razzett tal-Ħbiberija. Hemmhekk it-tfal kellhom ċans jaraw mill-qrib ħafna annimali, rikbu l-ferrovija u raw ħafna affarijiet relatati mal-Milied.

Fit-tieni term, ġiet organizzata ħarġa għall-Ispinach Fitness ġewwa Pembroke. Hemmhekk it-tfal ħadu sehem f’ħafna attivitajiet fiżiċi u ngħataw diversi ħiliet bażiċi relatati ma’ sports differenti. Dawn il-ħarġiet saru nhar it-Tlieta 7 u nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar għat-tfal tal-ewwel u r-raba’ sena rispettivament.

Ftit qabel ma skulajna għall-vaganzi tal-Għid, jiġifieri nhar l-Erbgħa 28 ta’ Marzu, l-istudenti kollha flimkien mal-għalliema u l-L.S.As tagħhom marru l-Universita’ Antika ġewwa l-Belt Valletta biex raw plays relatati mal-ambjent u l-ħolqien. L-istudenti kellhom ċans jaraw żewġ plays bil-Malti u tnejn oħra bl-ingliż. Dawn ġew imtellgħin mill-istudenti universitarji li qegħdin jippreparaw biex ikunu għalliema.

 

LAQGĦAT MAL-ĠENITURI

Fl-ewwel ġimgħat ta’ Ottubru, l-għalliema u l-L.S.As organizzaw laqgħat lill-ġenituri tat-tfal tal-klassijiet tagħhom. Dawn kienu ta’ benefiċċju kbir kemm għall-għalliema kif ukoll għall-ġenituri u l-istudenti. Dawn il-laqgħat saru t-Tlieta 4 ta’ Ottubru għall-ġenituri tat-tfal tal-ewwel sena u l-Ħamis 6 ta’ Ottubru għall-ġenituri tat-tfal tar-raba’ sena. Iż-żewġ laqgħat saru filgħaxija fl-iskola ta’ Santu Wistin, fil-Pieta’.

Iktar ‘il quddiem l-għalliema u l-L.S.As tal-ewwel sena ħassew il-bżonn li jlaqqgħu lill-ġenituri tat-tfal tagħhom biex jispjegawlhom kif se jgħallmu lil uliedhom il-ħiliet tal-kitba u tal-qari. Din il-laqgħa saret l-Erbgħa 19 ta’ Ottubru filgħodu, fl-iskola tas-Seminarju ġewwa r-Rabat.

Nhar l-Erbgħa 11 ta’ Jannar u nhar it-Tnejn 16 ta’ April ġew organizzati l-‘’Parents’ Days’’. F’dawn il-laqgħat, l-għalliema flimkien mal-ġenituri kellhom  iċ-ċans jiddiskutu l-progress ta’ uliedhom. L-ewwel waħda saret filgħaxija fl-iskola ta’ Santu Wistin fil-Pieta’, filwaqt li t-tieni waħda saret filgħodu fl-iskola tas-Seminarju ġewwa r-Rabat.

 

Nhar it-Tlieta 27 ta’ Settembru 2011, l-iskola Primarja ta’ Santu Wistin fetħet il-bibien tagħha għal 150 tifel li din is-sena qegħdin fl-ewwel u fir-raba’ sena. Peress li l-bini tal-iskola primarja għadu mhux lest, il-Kap tal-iskola tas-Seminarju, Fr. David Cilia, ġentilment aċċetta li l-istudenti tagħna jiġu allokati fil-klassijiet vakanti tal-iskola Primarja tas-Seminarju għal dawn is-sentejn skolastiċi.

 
 
Important Highlights

Year Planner
2012-13



Links Term 3